Il-ħidma ewlenija tal-Kummissjoni Interdjoċesana għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem hi li tippromwovi l-bniedem u d-dinjità tiegħu f’dak kollu marbut mal-ekonomija u x-xogħol, il-faqar u l-inġustizzja, u l-ħarsien tal-ħolqien bħala d-dar komuni tagħna. Parti minn xogħolha hu ukoll li tiddjaloga ma’ politiċi, professjonisti u ħaddiema oħra minn oqsma varji, kif ukoll il-promozzjoni tal-missjoni tal-lajċi fid-dinja sekulari kif imfissra fid-dokument tal-Knisja Lumen Gentium.
Il-Kummissjoni tkompli fuq ix-xogħol li twettaq matul is-snin miż-żewġ entitajiet tal-Knisja f’Malta: il-Kummissjoni għall-Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Ambjent, f’konformità mal-istruttura addottata mill-Vatikan.
Fil-qadi tal-missjoni tagħha, il-Kummissjoni tistinka biex:
- Tikkolabora mal-persuni kollha ta’ rieda tajba biex tippromwovi konverżjoni ekoloġika u timmaġina b’mod kreattiv soċjetà aktar ġusta, paċifika u li jimpurtaha.
- Tħares lejn is-soċjetà mil-perspettiva ta’ l-aktar batuti; mil-lenti ta’ dawk li jbatu iktar minn dik tas-setghana; li tħares lejn l-istorja mill-għajnejn taċ-ċkejknin, aktar milli mil-perspettiva ta’ dawk li huma b’saħħithom (Magnifica Humanitas 244).
- Tinkarna Knisja li timxi biswit is-soċjetà mingħajr ma toħnoqha (Magnifica Humanitas 20), li hija politika imma mhux partiġjana, ta’ prinċipji imma mhux ideoloġika, rispettuża imma mhux siekta.


