Fr Ivan Attard O.P. (Adattata minn taħdita lil grupp ta’ żgħażagħ li qed jipparteċipaw fil-pogramm Hopegen)
L-espressjoni ‘strutturi tad-dnub’insibuha fl-Enċiklilka Sollicitudo Rei Socialis, nru. 36 tal-Papa San Ġwann Pawlu II (1987) u hija meħuda mill-kunċett ta’ strutturi soċjali żviluppata u elaborata f’diversi teoriji soċjali u soċjoloġiċi.
Għalfejn jissejħu stutturi tad-dnub?
L-istutturi soċjali jistgħu jkunu strutturi tad-dnub għax joħolqu strutturi inġusti li jiffavorixxu lil xi wħud askapitu ta’ oħrajn, fejn l-inġustizzja tiġi normalizzata. Minħabba dawn l-inġustizzji strutturati, ħafna persuni jbatu, jiġu umiljati u ttrattati ħażin, sabiex oħrajn igawdu xi forma ta’ ġid materjali, vantaġġi u privileġġi.
Eżempji ta’ strutturi tad-dnub
- L-istrutturi razzisti tal-imgħoddi u l-istrutturi ġodda ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità fid-dinja tal-lum. Fl-UE niddistingwu bejn first, second u third country nationals. Jekk inqisu lil Malta, il-first country nationals huma ċ-ċittadini Maltin, is-second country nationals huma ċ-ċittadini tal-pajjiżi membri tal-UE li jiġu Malta, filwaqt li t-third country nationals (TCN) huma ċ-ċittadini ta’ pajjiżi li m’humiex membri tal-UE. Jekk inqisu l-liġi tax-xogħol, m’hijiex l-istess għat-tlieta li huma. L-ewwel tnejn jixxiebħu, imma għat-TCN hija kemmxejn diskriminatorja. Il-work permit (li minnu jiddependi wkoll il-permit of stay) huwa marbut mal-employer. Jekk ħaddiem TCN jitlef ix-xogħol jew jixtieq jibdel l-impjieg tiegħu, jitlef il-work permit u allura l-permit of stay ukoll. L-employer il-ġdid irid japplikalu għall-work permit ieħor. Għalhekk il-ħaddiema TCN faċli jiġu sfruttati biex ma jitilfux il-work permit.
- Il-forom diversi ta’ skjavitù tal-imgħoddi u dawk t’issa, speċjalment it-traffikar legali ta’ ħaddiema.Litteralment illum nitkellmu fuq outsourcing of labour jew importazzjoni tax-xogħol. Ix-xogħol uman huwa meqjus mifrud mill-bniedem li jwettqu, u l-ħaddiem qed jiġi meqjus bħala commodity jew oġġett kwalunkwe li tista’ tbiegħu, issellfu, tikrih, timportah kif ukoll tesportah. U meta m’għandekx bżonnhom aktar tibgħathom lura lejn pajjiżhom, dak li kieku huma xi oġġett uża u armi.
- Il-kolonjaliżmu u n-neokolonjaliżmu finanzjarju u ekonomiku tal-lum. Sabiex pajjiż iqum fuq saqajh wara xi gwerra jew wara tibdil ta’ reġim politiku jkollu bżonn jissellef il-flus minn pajjiżi sinjuri inkella mill-IMF jew il-World Bank. L-Istati permezz tal-banek ċentrali tagħhom jinvestu f’dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-banek li joperaw f’kull Stat jinvestu fil-banek ċentrali. Dawk li għandhom l-ogħla ammont ta’ ishma u investimenti fil-banek il-kbar ġeneralment huma l-kumpaniji multinazzjonali. Konsegwentement, il-World Bank u l-IMF se jfittxu li jimmassimizzaw il-profitti u l-interessi tax-shareholders tagħhom, li jinkludu l-Istati u n-negozzji l-kbar. Meta jsellfu, jitolbu tal-inqas dawn il-kundizzjonijiet: a) il-privatizzazzjoni tan-negozzji u r-riżorsi pubbliċi, speċjalment dawk naturali, bħall-minerali u ż-żejt, u b) il-liberalizzazzjoni tas-suq, sabiex kumpaniji barranin u aktar kompettitivi jkunu jistgħu jixtru dawn ir-riżorsi (jew jieħduhom b’konċessjoni għal tul ta’ żmien). B’dan il-mod, skont huma, l-ekonomija tal-pajjiż se timxi ‘l quddiem u jkun jista’ jifdi dejnu. Għaldaqstant, il-pajjiż li jissellef jispiċċa dipendenti finanzjarjament u ekonomikament fuq min isellfu l-flus u jkollu jagħmel dak li jgħidulu sabiex ma jitlifx il-finanzjamenti li għandu bżonn.
Is-sistema ekonomika ibbażata fuq l-idolatrija tal-flus
San Pawl fl-ewwel ittra lil Timotju jgħid hekk, “Dawk li jridu jistagħnew jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u ta’ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir. (1Tim 6, 9-10). Għalkemm San Pawl mhux qed juża l-espressjoni ‘struttura tad-dnub’ qed jagħtina eżempju tagħha. L-istess jagħmel Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium 53-60.
Fl-imgħoddi s-swieq kienu jsegwu din ir-regola: l-ogħla qliegħ bl-inqas spejjeż possibli. Illum il-ġurnata minħabba l-kompetizzjoni fuq is-swieq internazjonali, din ir-regola saret aktar aggressiva: l-ogħla qliegħ, akkosta ta’ kollox u b’kull mezz, bl-anqas spejjeż possibli. Għaldaqstant, l-għan spiċċa jiġġustifika l-mezzi, li hi ħaġa inaċċettabbli għat-twemmin Nisrani.
Barra minn hekk, il-mudel ekonomiku mħaddan għandu primarjament dawn l-għanijiet: a) it-tkabbir ekonomiku; b) il-massimizzazzjoni tal-profitti; c) il-ħarsien tal-kompetittività tan-negozzji fuq is-suq; d) il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-attrazzjoni tal-investiment barrani; u e) il-ħolqien ta’ xogħol u impjiegi ġodda li ma jkunux ta’ tfixkil għall-kompetittività tan-negozzji, jiġifieri li ma jżidux l-ispejjeż tal-produzzjoni.
Dawn l-għanijiet fihom infushom m’humiex ħżiena, iżda l-mezzi biex nilħquhom jistgħu jkunu inġusti, kif fil-fatt qed jiġri. Biex ikun hemm tkabbir ekonomiku, dan il-mudell jitlob li jkun hemm konsum kontinwu ta’ prodotti u servizzi. U sabiex ikun hemm konsum kontinwu għandna bżonn il-flus kontinwament. Għaldaqstant dal-mudell ekonomiku jeħtieġ ir-regħba u l-idolatrija tal-flus kif ukoll li l-prodotti jew servizzi ma jissoddisfawna qatt. Konsegwentement, aktar m’għandna, aktar rridu u qatt m’hu biżejjed. U hekk ir-rota tkompli ddur.
Xi prezz qed jitħallas biex nilħqu dawn l-għanijiet u min qed iħallas dan il-prezz?
L-ogħla prezz qed iħallsuh dawk il-persuni bi dħul baxx li qed jispiċċaw ma jlaħħqux mal-ogħli tal-ħajja. Fil-qasam tax-xogħol inħoloq il-prekarjat, fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jixirqux lid-dinjità tal-bniedem. Żdiet iċ-cheap labour. Iċ-cheap labour ma ħolquhx il-barranin (TCN) imma in-negozzji, sabiex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom. It-tkissir tal-familja żdied minħabba l-fatt li l-familja kellha tiġi ssagrifikata ħalli jiġi mħares l-andament mixtieq tal-mudell ekonomiku mħaddan. Żdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali, minħabba l-kwalità tal-ħajja li dan il-mudel ekonomiku qed jeżiġi minn fuqna. Il-qerda tal-ambjent naturali u soċjali li ngħixu fih sejra għall-agħar. L-iskejjel ġew mibdula f’fabbriki tal-ispare parts għas-suq tax-xogħol. Konsegwentement, qed jiġi ssagrifikat il-ġid komuni sabiex jiġi mħares il-mudel ekonomiku li jassigura l-interessi ta’ xi sinjuri u setgħanin.
Is-sistema ekonomika attwali hija msejsa fuq din l-istruttura
Din is-sistema ekonomika biex tiffunzjona tajjeb għandha bżonn:
a) Reliġjon: l-idolatrija tal-flus u tal-pjaċiri. b) Kultura li tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ din ir-reliġjon. Għalhekk, wieħed jista’ jifhem l-iżvilupp tal-kultura materjalista u edonista (li tqim u tadura dak kollu li jagħti pjaċir; il-pjaċir isir l-għan aħħari tal-ħajja tagħna). c) Għaldaqstant, la l-kultura hija materjalista, il-viżjoni tagħna tar-realtà li ngħixu fiha se tkun materjalista wkoll. Konsegwentement, dak li hu materjali biss jeżisti, għax dak biss jista’ jiġi mkejjel u vverifikat. Il-metodu xjentifiku jaqdi sew din il-funzjoni. d) Sakemm il-viżjoni tar-realtà hija materjalista, il-viżjoni antropoloġika se tkun materjalista wkoll, għax il-bniedem hu parti mir-realta’. Għaldaqstant, ladarba l-bniedem huwa materjali biss, il-ħajja tispiċċa mal-mewt u kif jgħid il-qawl Malti, ‘Kul u tpaxxa għax minn hawn għal ġol-kaxxa.’ e) Il-viżjoni antropoloġika materjalista se twassal għal sistema ta’ valuri etiċi partikolari. Dak kollu li jagħti pjaċir u jevitalna t-tbatija huwa tajjeb u dak kollu li joħloq tbatija u dwejjaq huwa ħażin. Fil-filosofija dan il-kurrent ta’ ħsieb huwa magħruf bħala utilitariżmu jew neo-utilitariżmu.
Fuq dawn is-sisien qed nibnu l-organizzazzjoni soċjali tagħna, il-familja, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-politika u l-ekonomija. Billi fir-realtà li qed ngħixu fiha l-ekonomija kisbet l-ogħla importanza, frott tal-idolatrija tal-flus, min għandu s-setgħa ekonomika se jipprova jagħmel minn kollox sabiex jippromwovi dik ir-reliġjon, kultura, viżjoni tar-realtà u tal-bniedem, kif ukoll is-sistema ta’ valuri etiċi li jiffavorixxu l-andament ta’ dan il-mudel ekonomiku mħaddan. Fil-proċess ta’ din il-propaganda min għandu s-setgħa ekonomika se jippersegwita li dawk ir-reliġjonijiet, kulturi, sistemi ta’ twemmin u valuri li jmorru kontra l-għanijiet u l-interessi tiegħu. Għaldaqstant, nerġgħu niġu għal dak li jgħallimna San Pawl li l-għerq ta’ din is-sistema ekonomika inġusta jinsab fir-regħba u l-idolatrija tal-flus. Ta’ xejn inbiddlu l-mudelli jekk ma naqalgħux l-idolatrija tal-flus mill-għeruq.
Kif se nimxu ‘l quddiem
Meta wieħed iqis il-kobor tal-problemi li jġibu magħhom l-istrutturi tad-dnub, wieħed jistaqsi, ‘imma jien x’nista’ nagħmel?’ F’din il-mixja sabiex inħarsu l-ġid komuni, jeħtieġ nilqgħu lil Sidna Ġesu’ Kristu f’qalbna (il-konverżjoni tal-qalb) u nħaddnu l-virtujiet imsemmija hawn taħt li jiddisponu l-qalb tagħna biex nilqgħu lil Ġesù ħalli noħolqu dinja aħjar u aktar ġusta.
a) Il-fidi. Irridu nagħmlu att ta’ fidi f’Alla u f’Ibnu l-Waħdieni Sidna Ġesu’ Kristu, l-uniku Salvatur tagħna li ħelisna mill-jasar tad-dnub u l-mewt. Kristu huwa ir-rebbieħ fuq id-dnub. Id-dnub jgħammar fil-qalb tagħna. Għalhekk irridu nħallu lil Ġesù jidħol f’qalbna biex jeħlisna mid-dnub u nagħmlu ħidma ta’ evanġelizzazzjoni sabiex il-Mulej jidħol fi qlub il-bnedmin kollha. Għaldaqstant m’huwiex jien jew intom li se neqirdu l-istrutturi tad-dnub, iżda Sidna Ġesù Kristu li jaħdem fina u permezz tagħna. “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2, 20).
b) L–umiltà. Biex nagħmlu l-att ta’ fidi neħtieġu l-umiltà. L-umiltà hija meħtieġa biex nagħrfu iċ-ċokon tagħna u l-kobor t’Alla u biex nagħrfu li Alla jaf aktar u aħjar minna. Mingħajr l-umiltà ma jistax ikollna l-fidi. Mingħajr l-umiltà lanqas nistgħu niżviluppaw il-virtujiet l-oħra, b’mod partikolari, il-ġustizzja, l-imħabba, il-ħniena u s-solidarjetà.
c) Il-ġustizzja. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna li “l-ġustizzja hi dik il-virtù morali li biha b’rieda soda u kostanti, nagħtu ’l Alla u lil għajrna dak li jistħoqqilhom.” (KKK 1807). Għalhekk il-ġustizzja m’hijiex nieħu mingħand l-oħrajn dak li hu tiegħi bi dritt, iżda nagħti lill-oħrajn dak li hu tagħhom bi dritt.
d) L-imħabba. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika numri 1822 sa 1829 jgħidulna x’nifhmu b’imħabba. Biex nissimplifikaw ftit u fid-dawl tad-definizzjoni tal-ġustizzja, l-imħabba nistgħu niddefinixxuha hekk: nagħtu lil Alla u lill-oħrajn minn dak li hu tagħna bi dritt biex inħarsu l-ġid sħiħ tagħhom u mhux biex nissoddisfaw ix-xewqat jew il-kappriċċi tagħhom. Għalhekk, l-imħabba m’hijiex, ikkuntenta lil dak li jkun għax inkella jdendel il-geddum.
e) Il-ħniena. Nagħraf u nħoss il-ħtiġijiet tal-oħrajn daqs li kieku huma tiegħi u nwieġeb għalihom bil-fatti. Għaldaqstant il-ħniena m’hijiex nitħassar lil dak li jkun u nagħtih dak li jrid għax miskin u jaħasra.
f) Is-solidarjetà. Is-solidarjetà hija l-ħniena fuq livell soċjali u titlob minna li nħarsu l-ġid komuni. Il-problemi tal-oħrajn huma tiegħi wkoll. Ma nistax niġi naqa’ u nqum mit-tbatija u l-inġustizzji li qed ibati ħaddieħor. Ma nistax naħseb li għax komdu jien, allura komdu kulħadd. Is-solidarejtà hija r-rimedju għall-indifferenza u tkisser l-istrutturi tad-dnub.
Konklużjoni
Għaldaqstant m’huwiex it-tagħlim soċjali tal-Knisja li se jkisser l-istrutturi tad-dnub u lanqas jien u intom, iżda Sidna Ġesù Kristu. Ejjew għalhekk inpoġġu t-tama tagħna fih u mhux fina nfusna jew f’ħaġa oħra. Hu, li jista’ kollox u li hu ir-rebbieħ fuq id-dnub, għoġbu jagħtina sehem fil-ħajja tiegħu u fir-rebħa tiegħu fuq id-dnub. Hu, li hu veru Alla u veru bniedem għoġbu jseħibna miegħu fil-missjoni salvifika tiegħu, biex bħala membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu jkompli juri mħabbtu fid-dinja permezz tagħna. Ejjew nitolbuh biex jagħmel minna strumenti tal-ġustizzja, tal-imħabba, tal-ħniena u tas-solidarjetà sabiex inħarsu l-ġid komuni, aħna u noħolqu soċjetà ġusta, kif jixtieq minna Alla l-Imbierek.
Referenzi:
Il-Bibbja bil-Malti https://laikos.org/bibbja_mt.htm
Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1992, 1807; 1822 sa 1829.
John Paul II, Sollicitudo Rei Socialis, 1987, 36
Francis, Evangelii Gaudium, 2013, 53-60
Nolan, A. (2007). ‘Structures of Sin’. Angelicum, 84 (3/4), 625-637
Attard, I. (2024). ‘L-Ekonomija u l-Ġid Komuni’. Knisja Elfejn, 148, 37-54 https://laikosblog.org/wp-content/uploads/2024/05/Knisja-2000-nru.148.pdf



